Description
- Jista’ bieb iżaqżaq jitfa’ seħer fuq dar ġdida tant li jseħħu fiha erba’ sekli ta’ taqlib?
- Qatt kont taf bniedem li jisfida l-Istabbiliment biex iħares siġra li jkun rabat qalbu magħha?
- Xi jħoss iċ-ċkejken Paco meta jilmaħ f’nofs l-arena t-toro bravo li kien trabba fl-għelieqi ta’ missieru?
- Teżisti rabta bejn il-moħħ tal-individwu u l-moħħ kollettiv tal-umanità ?
- X’jista’ jinqala’ ħesrem fl-eqqel ta’ skappatura sesswali f’bajja mwarrba Għawdxija?
F’din il-ġabra ta’ novelli u kwadri mill-ħajja niltaqgħu wkoll maċ-ċkejkna Gracie ta’ xagħarha aħmar; mat-taħrik spiritwali ta’ bniedem li jkun tilef il-fidi; maz-ziju brijuż tal-Amerka li sfida l-ħajja b’sensiela bawxati; mal-artist ossessjonat li l-ġenju tiegħu se jwasslu għas-sejba tal-verità totali; max-xwejjaħ solitarju li r-ritmu monotonu ta’ ħajtu jixbaħ id-dawrien ta’ żveljarin; mal-benestant li ma jagħrafx isarraf f’azzjoni dak li jaqra b’tant ħerqa; mal-votant diżilluż li f’jum l-elezzjoni jiddeċiedi jagħmel waħda minn tiegħu…
Victor Fenech, magħruf l-aktar bħala poeta tal-protesta, minn dejjem kien miġbud lejn il-forma letterarja tan-novella. F’din il-ġabra huwa jidher jgħarrex attitudnijiet soċjali u kuxjenzjali f’għadd ta’ karattri li ma jixxiebhu xejn, imma li lkoll flimkien joħolqu taħlita omoġenja ta’ dinja buffa li hi tagħna lkoll. Kellu raġun min kiteb li d-dinja sħiħa hija palk u l-bnedmin kollha ta’ ġo fiha sempliċiment atturi?































Reviews
There are no reviews yet.