Description
Carmel G. Cauchi hu wieħed mill-aħjar poeti tal-ġenerazzjoni tiegħu li, f’kuntrast mal-poetika tal-kakofonija u tal-prożajċizzazzjoni, jisfruttaw l-effetti uditivi kollha li għandha l-kelma skont it-tradizzjoni, il-vers ritmiku regolari, ir-rima (maskili u femminili, alternata, ġewwiena, ħielsa, magħluqa, mbewsa), l-alitterazzjoni, l-istrofa regolari: dawn u forom oħra tal-verbalità letterarja huma mħaddmin b’ħila u bi skop minn waqt għal ieħor. (…)
Bit-tħaddim xieraq u rigoruż tal-mezzi tekniċi li toffri l-arti tal-Peozija, u bl-espressjoni ta’ temi mġarrba personalment u mwessgħin b’mod li jiksbu xeħta universali, Carmel G. Cauchi qiegħed iħaddem prinċipji tipiċi tal-Poeżija fil-bidu tal-millenju: il-kompromess bejn il-kelma mitħaddta u l-kelma mirquma bi skop letterarju, kif ukoll l-insistenza fuq il-prinċipju li l-interessi tal-espressjoni poetika fiha nnifisha, huma assoluti, kostanti, ‘il fuq minn kull staġun letterarju li jġi u jgħaddi. Huwa kien konsistenti sa mill-fażi bikrija tiegħu. F’din il-kontinwità, imnissla l-aktar mill-qawwa tal-konvinzjoni letterarja tiegħu, huwa jsib l-identità umana u letterarja tiegħu, waqt li jidħol fil-grupp ta’ dawk il-poeti li fehmu li l-Poeżija tista’ ssalva, bħala kontenut u bħala forma, jekk tibqa’ tislet, u taġġorna, kulma toffri tradizzjoni twila sħiħa.
Mid-daħla tal-Prof Oliver Friggieri
Il-versi ta’ Carmel G. Cauchi huma versi mill-isbaħ ħerġin minn qalb li ma tinħakem qatt mill-għadab, imma li temmen fl-umiltà, fil-maħfra u fil-karità nisranija. Il-poeżiji ta’ Cauchi huma msejsa fuq lessiku sempliċi li bosta drabi għandu mill-mużikalità tad-dinja naturali, mil-likwidità tal-baħar u mill-umiltà tat-talb u tas-salm. (…) Carmel G. Cauci jispikka fejn jidħlu s-sempliċità, il-mużikalità, l-umiltà, l-ispiritwalità u l-profondità tal-ħsieb.
Patrick Sammut, Tieqa fuq Kittieba Maltin, Pubblikazzjoni De La Salle Brothers, 2013


































Reviews
There are no reviews yet.