Fi żmien il-ħakma Ingliża,

Fl-Għarb għand familja bidwija

Twieled Frenċ fost tnax-il aħwa

Minn missier u omm Għawdxija.

Dejjem kien jaħdem fir-raba’,

Beda tard l-edukazzjoni.

Kien jixbah ħafna lil ommu,

Rawmitu fid-devozzjoni.

Baqa’ għażeb meta kiber,

Kien devot wisq lejn Ta’ Pinu.

L-għalqa, l-Azzjoni Kattolka

Kien jgħaddi ħafna minn ħinu.

Kuljum hekk kif mix-xogħol jerfa’,

Kien isib lin-nies tistenna

Quddiem il-bieb tad-dar tiegħu,

Xħin tarah kienet tithenna.

In-nies kienet tfittxu ħafna

Għal kull bżonn li kien ikollha

Min għat-talb, min għall-pariri,

Kbira kienet tkun il-folla.

Kulma kellu l-għerf ta’ bidwi,

Uża l-ħxejjex naturali

Kif ukoll it-talb u l-fidi,

Fejjaq nies bħalek u bħali.

Frenċ ma damx wisq ma ħa l-fama

Mal-Maltin u l-Għawdxin ħutna.

F’qasir żmien il-fama xterdet,

Sar magħruf barra minn xtutna.

Kull donazzjoni li qala’

Qatt huwa għalih ma żammha.

Kien jerfagħha għas-Santwarju,

Għal hemm biss hu kien iġamma’.

Malta, Frenċ, qajla kien jiġi,

Imma meta għamel dana

Kien imur ma’ San Ġorġ Preca

Biex iżur lill-morda tagħna.

Huwa miet fix-xahar ta’ Mejju,

Ilu ’l fuq minn erbgħin sena.

Żgur qiegħed igawdi l-ġenna,

U hemmhekk jinsab fil-hena.

In-nies baqgħet tmur ġo daru,

Il-qima lejh għadha turi.

Għax, issa, f’mużew inbidlet

U kull Għawdxi bih hu kburi.