Iva, dan li qed taraw fir-ritratt hu David Beckham, li l-arti tat-tattwaġġ fuq ġismu ġmielha qed timlielu laħmu. Dan l-aħħar żied tattwaġġ ieħor… bin-numru ‘99’, biex ifakkar waħda mill-aktar snin ta’ ferħ f’ħajtu. U hu mistenni li jżid numru ta’ tattwaġġi żgħar oħra fuq ġismu, li ġa hu miksi sew.
Kif għedna, l-aħħar tattwaġġ – in-numru 99 – sar fuq sebgħu ż-żgħir ta’ idu. Sar biex ifakkar is-sena li fiha żżewweġ lil martu Victoria.
Fuq Instagram, il-footballer irtirat qal li dan in-numru jfakkru fis-sena taż-żwieġ, li jqisha bħala waħda meraviljuża. Xi ġimgħat qabel, naqqax il-kliem Pretty Lady fuq isem bintu Harper, li kien fuq għonqu, u dan għamlu biex ifakkar ir-raba’ sena mit-twelid tagħha.
Waqt li Beckham għandu aktar minn 40 tattwaġġ, l-aktar viżibbli huma dawk li fihom l-aktar tifsir…
1. 99 – Is-sena li fiha żżewweġ lil martu Victoria.
2. Pray for me.
3. Anġlu bil-kliem: Let them hate as long as they fear.
4. Salib bil-ġwienaħ.
5. Pretty Lady – Għal bintu, Harper.
6. Harper – L-isem tal-unika bint.
7. Ġesù mgħolli mill-Kerubini.
8. L-istilla ta’ David.
9. Grandad – b’tifkira għal nannuh Joe.
10. Ward.
11. Anġlu mdaqqas bil-kliem In the face of adversity.
12. Sħab.
13. Ir-raġel imdejjaq – b’tifkira ta’ nannuh mejjet Joe West.
14. Victoria bl-Ebrajk.
15 I am my beloved and my beloved is mine.
16. Stilel.
17. Lead with love.
L-ewwel darba li David mar għal-labar tat-tattwaġġi kien fl-1999, meta twelidlu l-ewwel iben, Brooklyn. Aktarx li tħajjar minn Jimmy Gulzar, dak li kien ir-raġel ta’ Mel B ta’ Spice Girls, u ried isem ibnu miktub bi stil Gotiku klassiku.
Minkejja li issa, David, missier ta’ erbat itfal, daħal fl-erbgħin sena, ma jixtieqx jieqaf milli jagħmel aktar disinji, li jiswew kemxa ġmielhom. Barra minn dan jgħid li ma jiddispjaċih xejn li ġismu hu mpitter b’dan il-mod, għax għalih, kollha għandhom xi tifsira speċjali.