Kemm aħjar taħseb fl-oħrajn, tieħu minn ħinek biex taqdi u tgħin ! Imma meta togħtor int, lil min se ssib? Isir ħafna diskors fil-knejjes, fir-rivisti reliġjużi, ċivili u ta’ gruppi għal rashom: xħin tiġi s-siegħa tal-prova tibqa’ ssaffar.
Iva: tgħid x’tgħid, tagħmel x’tagħmel, inti waħdek! Mhux l-istess li tħossok waħdek. Tkun waħdek tfisser li m’għandekx nies ħdejk u miegħek imma f’qalbek taf li hemm min jgħożżok u jridlek il-ġid.
Iżda sew li żżomm f’moħħok u ċar li dak li tista’ tagħmel int, agħmlu u dak li ma tistax tagħmel agħmlu, għax se jiġi waqt li ma tkunx tista’; u tbati u tokrob u tibqa’ fejn tkun.
Jekk tiftaħ oqsma bħall-qari u kotba rqaq, jew qsari ċkejknin, jew inkella namriet bħal pittura, bizzilla, ħjata, mixjiet, żjarat fi mkejjen kulturali ssib li moħħok imqassam u frisk, jaħdem u jrid. Mhux f’kollox issuq int, hemm dawk li jmexxi ħaddieħor; storbju, żbalji, ngombru, gideb u dawn jekk ma’ tkunx imħarreġ ikissruk u jherruk. Ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu; dan jista’ jsir apposta u jista’ jsir għax il-bniedem ma’ jkunx jaf.
Jaqbillek tibda minn issa mingħajr ma tiffissa; lest it-testment jew beħsiebek tagħmlu meta moħħok ikun tar? Ħabbatt bibien biżżejjed biex meta tiġi fil-ħtieġa ssib? Mort f’xi dar tax-xjuħ tara kif inhuma u x’jonqoshom? Xi darba se tispiċċa hemm, trid jew ma tridx.
Ibda għix; orqod bil-qalb, kull bl-aptit, imxi bis-saħħa, aqra kotba li ma jdoqqulekx, ipprova toroq ġodda. Awstraljan magħruf li deher f’qabda stazzjonijiet tar-radju u televiżjoni, li kien nieqes sew mis-saħħa stqarr fuq ir-radju Ingliż: ‘Kont inkun iżjed ħanin u kont nimxi dejjem sew ukoll meta ma rawnix in-nies. Nagħmel li għandi nwettaq issa; imbagħad għada min rah?