Joseph Henry Abela, Qassis

Ma tistax tagħmel kollox waħdek; trid l-għajnuna ta’ ħaddieħor. Tiftiehem xi trid, tiftiehem x’se jagħmlulek, jilqgħu idejhom għall-ħlas, imma x-xogħol ma jsirx sewwa u jkarkar u bosta telefonati u ċellulari u xorta ma tasalx. Tispiċċa taqta’ qalbek !

L-ewwel ħaġa ara x’teħtieġ, ikteb jew stampa, saqsi u ara min jista’ jagħmlu x-xogħol u kemm. Mhux min jgħidlek l-ogħla ! Ara, għarbel u aqta’, m’hemmx  paroli imma ikteb u ara x’ħin se jibda x-xogħol u meta jispiċċa.

Mhux kulma jleqq deheb, l-iżjed meta trid minn oħrajn, it-terturi li jtuk, tispiċċa ma sserraħ fuq ħadd. Ħajtek tiegħek u inti tmexxi bis-sabar u d-dehen. Xtarr, fittex u stenna fl-aħħar issib x’tixtieq, tistaqsix lil min ikabbarhom, imma lil min isib tarf tat-taħbil tal-ħajja.

Min irnexxa f’kotba, bini, għaqdiet; għax ħa ħsieb hu. Ġorġ Preca (1880-1962) ‘ara’ kif mexxa, għaqda bdieha u komplieha b’kulħadd kontrih. Daħal fl-irqaqat. Illum qassis, illum qaddis.

Mikiel Anton Vassalli  (1764-1829) waħdu mexxa, ħadem, tħabat u llum min jifhem, jogħxa bix-xogħol tiegħi.

Dejjem hemm it-terturi fil-ħajja; jew tirkibhom int, jew jirkbu lilek.

Saħħa

BILĦAQQ għada l-festa ta’ San Martin ta’ Tours. Nittama li l-Ħadd li għadda 8th Novembru 2015 ħsibtu għal borża ta’ San Martin għat-tfal.

O kemm tagħtuni terturi !